Adrian Grima
Missieri Jistenna s-Sema Blu
Missieri Jistenna s-Sema Blu
Id-demm joqtor tipp tipp
ġoċ-ċilindru tad-dripp.
Nimmaġinani qed nisimgħu.
Hemm borża oħra sfigurata
fuq il-mejda maġenbu.
Missieri jħares lejn it-tieqa miftuħa
fuq in-naħa l-oħra tas-sala.
Is-sema blu u s-sodda ta’ faċċata battala.
L-irkejjen jimtlew malajr hawn ġew,
u jerġgħu jitbattlu.
Iċ-ċilindru trasparenti jieħu tipp wara tipp
u jibqa’ ma jimteliex
u missieri jistenna s-sema blu.
Fis-sodda l-oħra hemm klandestin ingezzez fir-rokna.
Kulħadd iġiblu l-affarijiet, jgħidli missieri,
u jerġa’ jdawwar wiċċu.
Il-pulizija għassa mal-purtiera
qed jibgħat messaġġ wara l-ieħor
jew jilgħab logħba.
Ipprova jaħarbilhom skond missieri.
Kif inhu, imn’alla ma rnexxilux.
Kuljum jiġu jżuruh.
Jien u ħiereġ jidher mistrieħ.
Missieri, fir-rokna l-oħra,
qed jistenna fil-blu.
Warajh id-demm għadu ma meliex iċ-ċilindru.