renshi.eu [GR-LV-UK-CZ-MT-HR-GR]
MT – Claudia Gauci
MT – Claudia Gauci
Il-konfini tal-ġnien tagħna jagħtu daharhom lej’ did-dar magħluqa.
Fgata l-arja hemm ġew b’elf ħsieb u talba
li għadhom iteftfu mal-irkejjen bħal għanqbud.
Jafu li issa l-ebda żiffa mhi se tiġi żżeffinhom u tbandalhom
tonfoħhom u tbewwiġhom bil-ħlewwa ’l barra.
Tard wisq ormaj biex infarraġ il-larinġa,
id-dielja, ir-rummiena u l-lumija.
Ħadd ma mar jaqlagħhom qabel intebaq kollox,
qabel iddalmet il-ħamrija u bdiet tisqihom id-dieqa.
Tqannew jibilgħu l-loqom morri ta’ dak li baqa’ jgħix f’riġlejhom –
tad-demm ivenven il-bliet bla rażan, tikka ’l bogħod,
taż-żgħażagħ jieħdu n-nar
u s-smewwiet beraħ ħerġin minn għajnejhom.
Illejla nistgħu noqogħdu ftit għall-kwiet,
f’tarf dal-ġnien ikanġi bejn ħajja u mewt.
Ninsew għal ftit il-ġenn jagħtina bil-ponn,
nintasbu reqdin mal-allat tal-qedem
ħa jżuruna fil-ħolm u jweġbuna ftit.
Meta jfettillu jisbaħ forsi narawha sewwa
ir-rebbiegħa tixxebblek ma’ subgħajna.