Bejn

Bejn Aachen u Zyryanka,
bejn Samarinda u Samarkanda,
tiela’ u nieżel mal-pruwa
fil-fliegu vjola
ta’ bejn Kérkyra u Saranda,
fit-trejn ta’ bejn Vladivostok u Moska
li jaqsam seba’ darbiet iż-żerniq,
ferrieq, għal għonq it-triq,
minn ħemda hienja kif tinżel il-gawwija
fir-ragħwa t'Antofagasta
għal dagħwa multilingwi
kif naħbat mat-tappiera s-sieq,
bejn Baden Baden u l-Baħrejn,
bejn Fort-de-France u Port of Spain,
għaddej bil-mija u tletin
fit-tlett elef mil
ta’ bejn Portland, Oregon u Portland, Maine,
mill-iskieken ta’ kesħa Skoċċiża jniffdu l-ħaddejn
għax-xufftejn jitnixxfu fl-eħtriq
ta’ Marseille,
mewweġ mewweġ
bejn Zuwarah u Lampedusa
fuq dgħajsa tixxaqqaq fi tnejn,
bl-ilħna magħfusa,
bil-ħanġriet marsusa
ifittxu tal-lejl il-widnejn.

Bejn Ceylon u Sri Lanka,
bejn Kalaallit Nunaat u Groenlandja,
bejn kia ora f’għodwa t'Aotearoa
u g’day bl-aċċent imkarkar
ta’ Nova Żelanda,
lampa stampa
fid-dwana tar-Rwanda
b’identità titbandal
bejn l-offerta u d-domanda,
bejn déjà vu ġo pjazza li qatt ma smajt biha
miksija bil-ward tal-jacaranda
u mitluf fit-toroq ta’ belt imdawla
li m’ilix li dort,
xi ħaġa aktar dinjija
min-nostalġija
għal gżira li qatt ma żort
tirkibni rqiq qalb il-ħamba
tal-ajruport,
fis-sala tal-istennija
bil-moħbi ta’ missierha
tifla żgħira tpinġilu pajjiżi ġodda
fil-paġni vojta
tal-passaport,
imħarbat, bil-marbat,
bi stonku jkarwat,
mill-kefir li dardarni fit-tidlik ta’ Madrid
għall-idejn ratba tar-raħlija Sorbjana
li ġabitni f’tiegħi bi skutella soljanka,
bejn tronk u wati, bejn fietel u bati,
b'dejn ma' mgħoddi li ma jridx jgħaddi
bejn ġimgħa tidħol f'ġimgħa u nhar t'Erbgħa farradi,
stordut u mtarrax fid-diskors marradi
ta’ bejn ġixt Għewiedex u żewġt Imlati,
bejn iċ-ċentru u l-irkejjen,
bejn wiċċ u rġejjen,
bis-saħta tad-dubji tiegħi
għal dejjem ta’ dejjem,
mimdud fuq il-weraq tal-ħaxix ifuħ
bid-dija tirrifletti fuq il-ktieb miftuħ
nitwessa’ bil-pjaċir sa nitħaxken mill-kjass
ta’ bejn dj tal-qamel u żewġ namrati,
mid-drill idamdam fit-torrijiet ta’ Singapur
għat-tektik tat-tiġieġ fuq il-fdewwex
tal-kampung,
bejn logogramma tgħajjat fiċ-China Daily
u sentenza tisserrep bla ħniena
fil-Mallorca Zeitung,
inqalleb fid-dizzjunarju tal-but
ħa niddeċifra l-aħbar:
ajruplan jixxerraħ
żugraga tnewwaħ
f’burraxka bejn il-Brażil u s-Senegal,
magħsur fil-garġi gravitazzjonali
xita ta’ ruttam u ta’ iġsma inġazzati
għal fuq il-baħar kristall
tal-ekwatur.

Intraduċibbli nqum
mirjieħ u msaħħab,
bejn mappa mxappa bil-linka u lsien imqaħħab,
id-demm jitliegħeb għall-ftuħ, il-fwied imtaqqab,
bejn xagħra u sufa, bejn in-nasba u l-guva,
mix-xemx tiltaqa’ miegħi ma’ tarf is-sodda
għall-wiċċ bajdani ta’ mħabbti
b'idejha fuq ġufha,
bejn ‘l hawn u ‘l hemm u ‘l hinn u lura
bejn sormi mikxuf u ruħi mistura
bejn ġej u sejjer u viċiversa
bejn dritt għall-punt u tidwira mal-lewża
bejn minnu u mhux,
bejn l-anġli u l-uħux,
bejn m’għadux u għad m’hux u bil-maqlub
bil-waħx ta’ nfiħ ir-riħ minn bejn l-arbli
nipprova nagħraf kif se naħtaf dak il-ħoss li ħarabli
għandi friegħi taħt l-art u għeruq jilħqu s-sħab
rimja fuq rimja għal ġol-fwar u ġot-trab
għandi xenxul li baqa’ nieżel sal-antipodi tad-dinja
għandi antenna li telgħet sal-muntanji qamrija
bejn it-tluq u l-wasla, bejn il-wasla u t-tluq,
bit-twieqi kollha mberrħa, bis-sema kollu għeluq,
bi frustier iħarisli fil-mera
dix-xibka ta’ wiċċi mixquq
mill-aħmar tat-tapit mifrux ma’ twelidna
għall-kefen abjad silġ li jgħattina mad-difna
bejn fra u tra, de-ci, de-là,
ανάμεσα , 之间 , между , zwischen
the perpetual indecision
of a clear preposition

bejn ma ninsabx ġo posti u posti ġo fija
bejn f’sikkti mill-ġdid u mitluf minn sensija
miexi b’pass meqjus
minn fruntiera għal fruntiera,
minn meridjan għal meridjan
tad-dinja priġuniera,
bejn imnejn u lejn,
bejn lejn u safejn,
fiċ-ċentru ta’ kollox
u ma' xifer ix-xejn,
fir-riġlejn il-ħeġġa, l-uġigħ fil-ġenbejn,
indur, naqsam it-triq
u nibqa' għaddej,
nittanta nifhem
l-għalfejn
tal-fejn.

© Antoine Cassar
Audio production: Literaturwerkstatt Berlin 2009