Adrian Grima
Ċinji
Ċinji
Iċ-ċinji jistennewna nieqfu qabel jinżlu.
U mbagħad jibqgħu ’l bogħod,
bħax-xewqat siekta u kbar li jitturmentawna.
Fid-dgħajsa Samwel jistaqsini mitt elf ħaġa
u jien nibża’ li jagħtini ħass ħażin
u nħalli lilu f’nofs għadira barranija waħdu.
L-ilma jistkenn taħt is-siġar twal skjerati,
u jferfer ftit il-ġwienaħ ixxamplati.
Fil-wiċċ hemm weraq tondi u fuqhom
fjuri sofor kbar u delikati.
Bl-imqadef ma noqrobx,
u ma naħsadhomx,
imma dax-xewqat fraġli jgħumu fil-wiċċ
jippersegwitawni.
Samwel irid jaqdef naqra hu,
u nirħulha bil-mod lejn ix-xatt
mgħobbijin b’xeni u xbihat ġodda fjamanti.